Nitkellmu mar-residenti qabel jibdew ix-xogħlijiet
Infrastructure Malta nediet inizjattiva ġdida b’membri tal-Customer Care tal-aġenzija bdew jitkellmu u jispjegaw lir-residenti il-ħidma li ser tkun qed issir qabel jibdew xogħlijiet infrastrutturali f’toroq residenzjali. Dan l-eżerċizzju, li qed jibda jsir qabel il-bidu ta’ proġett, qed jgħin lill-entità tiġbor ir-rispons tar-residenti biex il-ħidma ssir bl-inqas inkonvenjent possibbli.
Dan l-impenn beda fl-aħħar jiem fi tliet toroq separati f’Santa Venera u l-Belt Valletta. Akkumpanjati mis-Sindku tal-lokalità Gianluca Falzon, ħaddiema ta’ Infrastructure Malta spjegaw ix-xogħlijiet li kellhom jibdew fi Triq Emanuel Attard u Triq il-Parata. Partijiet minn dawn it-toroq se jkunu magħluqa biex isir xogħol ta’ tisħiħ fuq s-servizzi ta’ taħt l-art, bini mill-ġdid tal-bankini u triq fuq pedamenti iktar b’saħħithom.
F’inizjattiva simili fil-kapitali, ħaddiema tal-aġenzija flimkien mas-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, Olaf McKay, tkellmu mar-residenti u sidien ta’ negozji fi Triq San Ġwann il-Belt u intlaħaq qbil biex ix-xogħlijiet isiru fil-bidu tas-sena d-dieħla, bl-inqas inkonvenjent possibbli. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm tekniċi mill-Enemalta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, fejn bħalma jiġri fi proġetti bħal dawn, rappreżentanti minn entitajiet rispettivi jaqblu fuq programm ta’ ħidma.
Il-kuntatt ta’ Infrastructure Malta mal-pubbliku qed ikun kontinwu biex jiġu spjegati x-xogħlijiet li jkunu għaddejjin u jiġu indirizzati immedjatament l-isfidi li jġibu magħhom ix-xogħlijiet infrastrutturali.