21 Oct
Il-proġett ta' Msida Creek ser jibda fl-ewwel jiem ta’ Novembru

Il-proġett ta' Msida Creek ser jibda fl-ewwel jiem ta’ Novembru

Wara snin ta’ konsultazzjonijiet, diskussjonijiet u pjanar, il-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta dwar il-proġett tal-Imsida Creek ser jibdew jiġu attwati mill-ewwel jiem ta’ Novembru u jkunu konklużi fl-2027.

L-ewwel xogħlijiet ser ikunu ffukati max-Xatt tal-Imsida, bl-inqas impatt possibbli fuq it-traffiku. Ix-xogħlijiet ser iservu biex jinbena moll ġdid u jsiru l-pedamenti u l-bini tat-triq li tgħaqqad Ta’ Xbiex lejn il-Belt. Fl-istess waqt ser jibdew it-tħejjijiet biex tinħoloq karreġġjata temporanja fi Triq Mikiel Anton Vassalli biex wara jibda jsir xogħol ta’ rinfurzar mal-ħitan tal-ġnub tat-triq.

Il-proġett, li l-pjanti tiegħu ġew iddisinjati mill-ġdid wara diskussjonijiet u suġġerimenti mill-imsieħba soċjali inkluż il-Kunsill Lokali, ser jinkludi l-bini ta’ flyover ġdid li għandu l-għan li jieħu post il-junction tat-traffic lights. Ikopri wkoll f’1.6km f’linji u passaġġi dedikati għaċ-ċiklisit u l-użu pedonali.

Infrastructure Malta ħasbet biex 60% ta’ dan il-proġett ikun dedikat għal spazji pubbliċi u ambjent pjaċevoli fiċ-ċentru ta’ din il-lokalità. Dawn l-ispazji, inkluż il-ġnien pubbliku, ser ikunu mifruxa fuq 19,375 metru kwadru, ekwivalenti għal tliet grounds tal-futbol. Dan ifisser li l-proġett ser jara żieda ta’ aktar minn 8,000m2 fi spazju miftuħ u żoni mħaddra. Ser ikunu qed jiżiedu 214-il siġra matura, żieda ta’ 50% fuq l-ammont preżenti, u żieda ta’ 17,000 arbuxell.

Quddiem il-Knisja ser issir pjazza ta’ 2,200 metru kwadru, kif ukoll kanal tal-ilma b’tul ta’ 300 metru fuq medda ta’ 2,400 metru. Apparti li ser jifforma parti minn pjan biex jiġu evitati l-għargħar, il-kanal ser ikun imdawwar b’mogħdijiet aċċessibbli għall-pubbliku.

Il-proġett jinkludi d-disinn u r-rikostruzzjoni tal-junction tat-traffic lights li tgħaqqad Triq il-Marina, Triq il-Wied tal-Imsida u Triq Mikiel Anton Vassalli, u t-tisħiħ ta’ numru ta’ junctions li jinsabu fl-inħawi u li jagħtu minn u lejn il-Gżira, Tas-Sliema u Ta’ Xbiex. Il-pjanijiet tad-disinn tat-triq ser jeliminaw il-ħin ta’ stennija ta’ traffic lights, tnaqqis fil-ħin tal-ivvjaġġar u riskji ta’ inċidenti. Fl-istess waqt ser jgħin biex itejjeb il-kwalità tal-arja f’dawn l-inħawi tal-Imsida u l-madwar.

It-triq li testendi mill-parti ta’ Sa Maison fl-Imsida lejn ir-roundabout tal-Iskatepark f’Tal-Qroqq hija kruċjali u tgħaqqad il-Belt u r-reġjun tal-Port il-Kbir mar-reġjuni tat-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-pajjiż. Kull siegħa, mit-traffic lights junction tal-Imsida Creek, minn u lejn il-Belt Valletta u l-lokalitajiet tal-madwar, jgħaddu medja ta’ iżjed minn 50,000 vettura kuljum.

Il-flyover, b’tul ta’ madwar mitejn metru u mdawra b’sound barriers, ser tgħaqqad direttament Triq il-Marina ma’ Triq Mikiel Anton Vassalli. Din ser tnaqqas l-impatt tat-traffiku minn fuq iż-żoni residenzjali, l-ispazji miftuħa u l-promenade tal-Imsida. Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta ser ittejjeb il-konnessjonijiet tat-trasport pubbliku tul din ir-rotta li tintuża ħafna għal dan il-għan. Ser jinbnew bankini iktar wesgħin, b’infrastruttura segragata li taħseb għaċ-ċiklisti u għal min jimxi mad-dawra tax-xatt, li eventwalment jgħaqqdu Tal-Pietà ma’ Ta’ Xbiex u Triq il-Wied tal-Imsida.

Il-proġett jaħseb għal konnessjonijiet siguri għaċ-ċiklisti u min jaqsam it-triq. Ser jiġi żviluppat parkeġġ għal 115-il spazju u li ser ikun mgħotti bil-pannelli solari. Ser jaħseb ukoll għal sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita taħt l-art bil-għan li tiġi indirizzata l-isfida tal-għargħar, li ilha tkaxkar għal diċenji sħaħ.

Dan il-proġett, li jkopri ftehim għal rabta ta’ għaxar snin biex isir xogħol ta’ manutenzjoni u operat, jifforma parti mill-impenn ta’ Infrastructure Malta biex ittejjeb il-kwalità, l-effiċjenza, is-sigurtà u s-sostenibbilità tal-infrastruttura tat-toroq, u tipprovdi l-kapaċità biex tegħleb l-isfidi preżenti u tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-futur.